Ikla f’Għawdex għal dawk li jħossuhom waħedhom

Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu flimkien ma’ Caritas Għawdex qed jorganizzaw ikla għal żmien il-Milied għal dawk il-persuni li jħossuhom waħedhom.

Din l-ikla se ssir il-Ħadd 29 ta’ Diċembru fil-12.15pm fis-Sala tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex. Kull min jixtieq jattendi għal din l-ikla huwa mitlub li jikkuntattja lill-amministrazzjoni tas-Santwarju fuq 21556187 sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Diċembru. Kull min jixtieq jattendi għal din l-ikla irid jaħseb għat-trasport hu.

F’Malta hawn problema kbira ta’ solitudni

F’Malta il-problema tas-solitudni hija kbira. F’dawn il-jiem ta’ ferħ u festi persuni li jinsabu waħedhom iħossu aktar is-solitudni. Dr Andrew Azzopardi d-dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà s-sena l-oħra waqt il-programm Follow-Up fuq 103 spjega li persuna tista’ xorta waħda tħossha waħedha minkejja li tkun imdawra mal-familja u l-ħbieb li huma importanti f’ħajjitha. Dan mhux biss, persuna tista’ tħossha waħedha u iżolata mill-familjari minħabba x-xogħol, raġunijiet mediċi, kliniċi jew psikoloġiċi.

Matul dawn iż-żminijiet diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet jorganizzaw ikliet u festini għal dawk li jħossuhom waħidhom bit-tama li kemm jista’ jkun dawn il-persuni jkollhom kumpanija tajba f’dawn iż-żminijiet.

Caritas Malta flimkien mal-Kurja tal-Arċisqof kull sena qed torganizza ikla għal dawk in-nies li jħossuhom waħedhom. Is-sena l-oħra madwar 550 persuna kielu flimkien nhar il-Milied.