Ikkupjat assenjament u waħħlet f’seħibha; L-Ombudsman jinduna bl-ingann

Studenta tal-MCAST ikkupjat minn assenjament ta’ seħibha, u ressqet ilment lill-Uffiċċju tal-Ombudsman sabiex tilmenta dwar trattament inġust min-naħa tal-MCAST, meta dan affaċċjaha fuq il-plaġġjariżmu fl-assenjament tagħha. L-Uffiċċju tal-Ombudsman sab illi kienet l-istudenta li kienet qarrqet, u gidbet dwar il-qerq tagħha billi qalet li hija tat informazzjoni lil seħibha biex tipprova tgħinu fl-assenjament.

Dan it-tagħrif ħareġ mir-rapport Każijiet fil-Qosor 2018 li l-Uffiċċju tal-Ombudsman ressaq fil-Parlament.

X’kien il-każ?

Il-każ imur lura għal Awwissu li għadda, meta fi lment formali bl-avukat, l-istudenta qalet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman li hija kienet ġiet trattata ħażin mill-Bord tal-Appelli Dixxiplinarji tal-MCAST (MCDB) u aktar tard mill-Bord tal-Appelli Korporattivi tal-MCAST (MCAB), u kkontestat il-kastigi li tawha. Il-Prinċipal tal-MCAST ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.

L-istudenta allegat li kien l-istudent l-ieħor li kkopja xogħolha. Iż-żewġ studenti nqabdu bil-plaġġjariżmu permezz tal-programm Turn It In, li sab 65% tal-assenjament taż-żewġ studenti l-istess, fosthom paragrafu identiku, bl-istess żbalji ortografiċi u lessikali, pereżempju l-kelma ‘this’ miktuba ħażin bħala ‘tjis.’

Dan innutah il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, li talab għall-kopji taż-żewġ assenjamenti, u kellu laqgħa mal-eżaminatur li nnota s-similaritajiet fiż-żewġ xogħlijiet. Il-Kummissarju sar jaf ukoll li l-istudenta li lmentat kellha attendenza miżera, filwaqt li l-attendenza tal-istudent l-ieħor kienet pjuttost regolari. Barra minn dan, waqt il-laqgħa tagħha mal-Bord, l-istudenta ma aġixxitx b’mod eżemplari, iżda “b’atteġġjament ta’ stqarrija,” jgħid ir-rapport tal-Ombudsman. Hija rrifjutat ukoll is-suġġerimenti li sarulha mill-Bord.

Il-problema

Il-problema għall-Ombudsman kienet biex jistabbilixxi min kien min, peress li l-Uffiċċju kellu l-korrispondenza ta’ bejn l-istudenti, li minnha ddetermina li kien hemm persuna minnhom li riedet ix-xogħol tal-persuna l-oħra b’aktar urġenza.

Il-korrispondenza ma kinitx turi min kien li kien qed jikteb il-messaġġi, iżda dehru l-messaġġi biss. Lanqas ma setgħet tiġi identifikata l-persuna permezz tal-pronomi, peress li ż-żewġ persuni użaw il-kelma “man” biex jirreferu għal xulxin.

Il-konklużjonijiet tal-Ombudsman

L-attendenza tal-istudenti u l-imġiba tagħhom wasslet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jiddetermina li l-istudenta li ressqet l-ilment kienet dik li kkupjat. Hija allegat li tat il-materjal tagħha lil seħibha għax hu kien kemxejn batut, u minħabba din l-allegazzjoni, l-Uffiċċju tal-Ombudsman sabha ħatja ta’ ħsieb ta’ ingann. L-Ombudsman ma sab ebda nuqqas f’kif ipproċeda l-MCAST, ħlief għall-fatt li l-MCAST ħa passi kontra studenta waħda biss meta kien hemm 2 studenti involuti.

Il-Kummissarju ħeġġeġ lill-istudenta biex timxi fuq il-pariri tal-MCAST biex tirriforma ruħha.