“Ikkunsidraw l-għoti tad-demm bħala mod kif tgħixu l-Ewkaristija”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ħeġġeġ lill-Insara biex iqaddsu l-Ħadd billi jagħtu d-demm.
Meta żar id-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Mons. Grech appella lill-komunitajiet parrokkjali jikkunsidraw l-għoti tad-demm bħala mod kif jgħixu l-Ewkaristija.
Ħeġġiġhom biex wara li joħorġu mill-Quddiesa, imorru fejn jinġabar id-demm u jagħtu d-donazzjoni tagħhom.
L-Isqof Grech qal li ma jsibx kliem biex jirringrazzja lil dawk li jagħtu d-demm.
Sostna li d-donazzjoni tad-demm minbarra li hi espressjoni ta’ solidarjetà mal-vulnerabbli, għan-Nisrani hi att ta’ karità erojka li tixbah l-imħabba li biha ħabbna l-Iben ta’ Alla.
Qal li kif fis-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija, l-Insara ‘jixorbu’ mill-kalċi tad-demm ta’ Kristu, hekk huma mistiedna biex isiru ‘kalċi’ li minnu jingħata d-demm lil dawk il-pazjenti fil-bżonn.
Mons. Mario Grech saħaq li fuq l-eżempju ta’ Kristu li fis-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija jxerred demmu għall-umanità, hekk l-Insara għandhom ikunu ġenerużi u ‘jxerrdu’ demmhom għal ħuthom.
Fl-istess okkażjoni, l-Isqof ta’ Għawdex ippreżenta ġest ta’ apprezzament lis-saċerdot Għawdxi Mons. Salv Grima min-Nadur, li ta demm 128 darba.
Iddeskriva din l-att ta’ karità, bħala xhieda saċerdotali li jgħix l-Ewkaristija.