Ikkunsidrata d-diżinfettazzjoni tat-toroq – Herrera

2020-03-14T204313Z_1_LYNXMPEG2D0P9_RTROPTP_4_HEALTH-CORONAVIRUS-AFRICA
Arkivji: Fil-Kenja REUTERS/Baz Ratner/File Photo

Il-Ministru għall-Kunsilli lokali Josè Herrera qal li l-Gvern qed jikkunsidra li jiddiżinfetta t-toroq pubbliċi.

Hu qal li dalgħodu saret laqgħa interna li tiddiskuti din il-possibiltà. Fl-istess waqt ħabbar li l-Konkatidral ta’ San Ġwann se jingħalaq għall-pubbliku.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo qal li d-deputati parlamentari għandhom jagħtu l-eżempju u jgħoddu metru ‘l bogħod minn xulxin u mhux kif qed isir bħalissa.

Intant ma ntlaħaqx qbil biex il-Parlament jiġi sospiż. Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li l-Gvern ma jarax il-bżonn li l-Parlament jiġi sospiż u li l-Parlament jista’ jissospendi l-bżonn tal-kworum u jattendu biss dawk id-deputati li kienu qed jieħdu sehem fid-dibattitu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jissospendi s-seduta tal-parlament sakemm il-Prim Ministru Robert Abela jtemm il-konferenza tal-aħbarijiet li qed jagħti, u li l-istess Kap Nazzjonalista ddeskriva bħala ta’ importanza nazzjonali. Huwa qal li hu jrid ikollu l-possibiltà li jisma’ l-miżuri li qed jieħu l-Prim Ministru iżda qiegħed fil-Parlament biex jaqdi dmiru u allura ma jistax jagħmel dan.

Il-Whip Laburista qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni laħqu qbil biex waqt li llum jittieħed il-vot dwar l-estimi tal-baġit, għada jsir dibattitu dwar il-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn