“Ikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li jitwarrab is-servizz tal-fast ferry” – NGOs lill-Gvern

Read in English.

11-il għaqda qed jappellaw lill-Gvern biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni “li jinjora l-wegħda elettorali tiegħu tiegħu li joffri servizz ta’ fast-ferry li jgħaqqad il-port tal-Mġarr mal-Port il-Kbir, biex minfloku jintroduċi servizz ta’ trasport bil-baħar tat-tip hop-on, hop-off.”

L-NGOs sostnew li dan is-servizz mhux se jkun qed jaqdi l-bżonnijiet tal-passiġġiera Għawdxin u Maltin li jaqsmu bejn Malta u Għawdex ta’ kuljum. Qalu li dan se jonqos milli jindirizza l-isfidi ta’ konnettività li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin b’mod tanġibbli u sostenibbli. Irrimarkaw kif il-fast-ferry kienet ilha mwiegħda għal snin sħaħ, u kienet se tnaqqas bil-kbir id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin u dawk li jkollhom jagħmlu l-vjaġġ bil-vapur kuljum. Din kienet se tkun qed tnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u tnaqqas it-traffiku veikulari bejn iż-żewġ gżejjer.

Qalu li bl-introduzzjoni ta’ skema li hija investiment fis-settur privat minflok is-servizz tal-fast-ferry, “il-Gvern qed jittradixxi lit-3,300 impjegat Għawdxi li jaħdmu f’Malta, u li verament għandhom bżonn soluzzjoni tat-trasport effiċjenti mill-aktar fis.”

L-NGOs sostnew li l-proċess tas-sejħa għall-offeri għas-servizz tal-fast ferry bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr kien imtappan b’kontroversji u kien sospiż wara allegazzjonijiet ta’ aġir diskriminatorju u inġust. Insistew li lanċa tat-tip hop-on, hop-off, qatt ma tista’ taqdi bl-istess mod il-bżonnijiet tal-Għawdxin.

“Is-servizz ta’ fast-ferry li jgħaqqad l-Mġarr u l-Belt kien se jipprovdi konnessjoni bla xkiel għall-passiġġiera Għawdxin, li jkollhom jaqsmu ta’ kuljum. Is-servizz il-ġdid hop-on, hop-off jidher li se jkun qed jieqaf f’diversi portijiet f’Għawdex u f’Malta, u għalhekk mhux se jkun qed jipprovdi konnessjoni veloċi u bla waqfien li hija tant bżonnjuża għall-passiġġiera Għawdxin,” irrimarkaw l-għaqdiet.

Qalu li sorsi qrib l-industrija marittima qalu li huwa evidenti kif l-aħħar dokument tas-sejħa għall-offerti ġie mfassal bl-għan ewlieni li jakkomoda l-bżonnijiet ta’ operatur wieħed biss.

Huma talbu għal trasparenza sħiħa min-naħa tal-Gvern u biex ikunu ppubblikati studji li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu li jwarrab il-pjan għall-fast-ferry u jagħżel li jintroduċi servizz hop-on, hop-off minflok. Tennew l-appell tagħhom lill-Gvern biex isib soluzzjonijiet fit-tul, adegwati u sostenibbli li jistgħu verament jindirizzaw l-isfidi ta’ mobbiltà u konnettività ta’ Għawdex.

L-għaqdiet firmatarji huma l-Association for Gozitan Employees in Malta (AGEM), Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Extinction Rebellion Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u The Archaeological Society of Malta.