Ikkritikata d-deċiżjoni li jitwaqqaf ix-xogħol tal-ħabsin fil-komunità

Id-Deputat Ċermen tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo kkritika d-deċiżjoni li ttieħdet mill-awtoritajiet fejn twaqqaf ix-xogħol li l-ħabsin jagħmlu fil-komunità.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li din id-deċiżjoni ttieħdet wara li fil-11 ta’ Novembru li għadda, ħabsi li kien qed jagħmel xogħol fil-komunità ħarab mix-Xgħajra biex aktar tard fl-istess jum inqabad mill-Pulizija f’Bormla.
Fil-blogg tiegħu, Carmel Cacopardo enfasizza li flok il-kastig ingħata lil min abbuża qed iħallas kulħadd għaliex twaqqfu kollha.
Qal li permezz tax-xogħol fil-komunità, is-soċjetà kienet tgħaddi l-messaġġ lill-ħabsin li lesta li tagħtihom ċans ieħor u tgħinhom jerġgħu jirrintegraw ruħhom.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li din id-deċiżjoni hija waħda temporanja sakemm l-awtoritajiet responsabbli tirrevedi nuqqasijiet li seta’ kien hemm u jissaħħu r-regoli li fuqhom hija bbażata s-sigurtà għall-ħabsin.
Carmel Cacopardo iżda kien ferm kritiku ta’ din id-deċiżjoni li ddeskriva bħala messaġġ żbaljat u enfasizza li l-unika lezzjoni li qed tingħata hi li l-awtoritajiet m’għandhomx idea x’inhuma jagħmlu.