Ikkorrompa żewġ tfajliet; jinżamm arrestat

Raġel ta’ 22 sena mis-Sudan inżamm arrestat wara li ġie akkużat li kkorrompa żewġ minorenni fit-triq fil-Ħamrun.

Ir-raġel li kien assistit minn interpretu u mill-avukat tal-għajnuna legali wieġeb mhux ħati li l-Erbgħa għall-ħabta tat-3pm espona lilu nnifsu fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun quddiem żewġ tfajliet ta’ 13 u 15-il sena.

Il-prosekuzzjoni spjegat li l-pulizija bdiet tinvestiga wara  li ż-żewġ tfajliet marru jagħmlu rapport il-pulizija dwar dak kollu li kien ġara. Min-naħa tagħha l-pulizija rat il-filmati tas-CCTV cameras u kkonfermat l-ilbies li qalu ż-żewġ tfajliet ma’ dak tal-filmati. Iktar tard ir-raġel ġie interċettat u arrestat.

L-avukat tal-għajnuna legali qal li r-raġel iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih madankollu ma talabx għall-ħersien mill-arrest. Għalhekk ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.