Ikkoordinaw il-prezz tal-pastizzi għax jafu li bla konsegwenzi – PD

Arkivji

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li kien hemm mossa koordinata b’żieda fil-prezz tal-pastizzi peress li l-bejjiegħa jafu li mhux se jkun hemm konsegwenzi.

Fi stqarrija, il-PD qal li xi entitajiet qed iħabbru l-iffissar tal-prezzijiet bil-miftuħ, bla biża’ ta’ konsegwenzi. Fi kliem il-partit, l-inkompetenza tal-Awtorità Maltija tal-Kompettività u Konsumaturi (MCCAA) li tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur hija deplorabbli. Il-PD qal li l-MCCAA mhix qed tiffunzjona kif suppost għax mhix istituzzjoni indipendenti u awtonoma.

Monopolju fil-qmugħ, fjuwil, u siment

Il-PD qal li huwa llegali li jiġu ffurmati kartelli li jiffissaw il-prezzijiet. “Ċerti monopolji jidhru li ġew kreati fil-prezzijiet tal-qmuħ, fjuwil, u siment, kif ukoll f’oligopoli bħall-banek, portijiet, u t-telefonija. F’ċerti sitwazzjonijiet, jidher li l-iffissar tal-prezzijiet sar legalizzat, bħal fil-każ ta’ ċertu miżati professjonali jew il-miżati tal-aġenti tal-propjetà. Biex tgħaxxaq, l-unjins mhux qed jagħmlu xogħolhom u spiċċaw bla vuċi.”

L-inqas Awtorità effiċjenti

Il-PD qal li bla dubju hija l-MCCAA li hija l-inqas Awtorità effiċjenti minnhom kollha.Il-Gvern għandu jistħi li ħalla dan jiġri, aktar u aktar għax numru ta’ Awtoritajiet Regolatorji jidhru li mhux qed jipproteġu d-drittijiet tal-konsumatur kif suppost” saħaq il-partit.

Il-PD issuġġerixxa li l-Gvern għandu jemenda l-liġi preżenti għax bħalissa l-MCCAA hija mxekkla b’deċiżjoni ġudizzjarja fejn ġie deċiż li ma tistax toħroġ multi mingħajr ma tagħmel rikors fil-qorti.