Ikkontrollawh bi stun gun u titqiba; imut ftit wara

Raġel ta’ 48 sena tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei wara erba’ sigħat ta’ kommossjoni f’Ħaż-Żabbar.

Kien għall-ħabta tas-7pm fi Triq Alessio Eradi, li sar rapport li kien hemm raġel fuq bejt ta’ residenza privata, iwaddab l-affarijiet fuq in-nies.  Wara li ntalab mill-Pulizija, ir-raġel niżel minn fuq il-bejt.

Madanakollu, f’temp qasir il-Pulizija reġgħet issejħet meta l-istess raġel kien aggressiv fil-konfront ta’ tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, li mar iżuru fuq talba tal-familja.

Il-Pulizija spjegat li r-raġel issakkar f’kamra fuq il-bejt minn fejn ma riedx joħroġ u x’aktarx kien armat. Wara diversi sigħat, il-Pulizija rnexxielhom jikkonvinċuh jinżel. Minkejja dan ir-raġel beda jkun aggressiv fil-konfront tat-tabib, sakemm telaq jiġri fis-sular ta’ fuq u ta s-salt għat-tieqa.  Il-Pulizija tal-RIU kienu qed iżommuh bl-użu ta’ stun gun.

Min-naħa tiegħu, it-tabib ta injezzjoni lir-raġel biex iżomm kalm. Huwa ngħata wkoll l-għajnuna medika mit-tim mediku tal-ambulanza li kienu qed jistennew fuq barra, peress li ntilef minn sensih.  Huwa ttieħed l-isptar, b’ambulanza skortata mill-Pulizija, għall-ħabta tal-11pm u tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Se ssir ukoll awtopsja.