Ikkontrollat in-nar wara li daqq l-alarm tal-Parlament

Read in English.

Matul il-lejl li għadda membri tal-Protezzjoni Ċivili kkontrollaw nar li qabad f’kamra li tinsab biswit il-binja tal-Parlament. F’din il-kamra kien hemm il-batteriji tal-UPS li jissupplixxu d-dawl tal-emerġenza lill-binja tal-Parlament. 

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-alarm daqq ftit qabel is-2am u huma ġew infurmati fis-1.50am. Fi stqarrija, l-uffiċċju tal-Ispeaker spjega li s-sistema elettronika tal-binja nnotifikat mill-ewwel lill-Pulizija. Wara spezzjoni mill-Pulizija ġie nnutat duħħan ħiereġ minn din il-kamra u għalhekk intalbet l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kienu fuq il-post fi ftit ħin. Jidher li n-nar ġie kontrollat mill-ewwel.

Inħatret ukoll inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Rachelle Montebello.