Ikkonfiskati 64 miljun sigarett tal-kuntrabandu

Wara jiem ta’ investigazzjoni, id-Dwana għamlet qabda ta’ 64 miljun sigarett tal-kuntrabandu, li kienu destinati għall-Ewropa.
Dawn is-sigaretti kienu f’disa’ kontejners li nqabdu fil-Port Ħieles fi triqithom mill-Ażja.
Il-kontejners kien iddikjarat li fihom għamara u ġugarelli tat-tfal iżda magħhom instabu dawn is-sigaretti li ma kienux iddikjarati.
Il-kontejners ġew konfiskati mid-Dwana, bis-sigaretti se jinqerdu aktar ’il quddiem u l-oġġetti l-oħra jsiru tal-Gvern.
Tlieta mid-disa’ kontejners inqabdu wara studju bir-reqqa mill-uffiċjali tad-Dwana fuq dokumentazzjoni li dehret suspettuża, segwit bl-użu ta’ apparat tal-iscanning. 
Dan wassal għas-sejba ta’ sitt kontejners oħra b’sigaretti moħbija li kienu qed jinġarru bl-istess mod. 
Bir-rati lokali, il-qabda tas-sigaretti kienet tinvolvi dazji u taxxi ta’ aktar minn €12-il miljun.