Ikkonfiskati 5 tunnellati kokaina f’Costa Rica

REUTERS/Juan Carlos Ulate

Read in English.

Il-Pulizija f’Costa Rica qabdu iktar minn ħames tunellati ta’ kokaina lesti biex jiġu esportati lejn il-port ta’ Rotterdam fl-Olanda.

Din il-qabda qed titqies bħala l-ikbar waħda skont uffiċjali tal-pajjiż.

Id-droga instabet moħbija ġo kontejner fil-port ta’ Limon taħt pjanti li kienu se jiġu esportati lejn l-Olanda.

L-iskwadra ta’ kontra d-droga sabet 202 pakkett żgħir mimlijin droga. Il-kokaina jidher li kienet magħmula f’wieħed mill-pajjiżi fl-Amerika t’Isfel iżda ma speċifikawx mil-liema pajjiż kienet ġejja.

Huwa stmat li l-valur ta’ droga kien se jlaħħaq mal-€126 miljun fl-Olanda. Il-Ministru għas-Sigurtà għall-pajjiż, Michael Soto sostna li din kienet qabda storika għall-pajjiż u li se tagħti daqqa ta’ ħarta lill-istrutturi kriminali tal-pajjiż.

Raġel minn Costa Rica li saq bil-merkanzija mit-tramuntana tal-pajjiż għall-port ta’ Limon inżamm taħt arrest b’rabta mal-investigazzjonijiet.