Ikkonfermata sentenza għall-eks qassis li nstab ħati b’abbuż

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza mgħotija f’Ġunju li għadda lil raġel nstab ħati li abbuża sesswalment minn ġuvni. Ir-raġel li fiż-żmien meta seħħ dan l-abbuż kien qassis, ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa tifel.

L-eks Kappillan ta’ Burmarrad, Donald Bellizzi kien akkużat li kkorompa lit-tifel u żewġ minuri oħra, li pparteċipa f’atti sesswali u xerred il-pornografija tat-tfal. Huwa kien instab ħati fuq l-ewwel żewġ akkużi.

Dan il-każ seħħ bejn l-2010 u l-2013. Il-pulizija kienet irċeviet rapport mill-Kap tas-Safeguarding Commission tal-Knisja Andrew Azzopardi biex jinformahom li kien hemm tifel li xtaq jagħmel rapport lill-pulizija.

Fl-appell tiegħu Bellizzi qal li l-kuntatt sesswali sar bil-kunsens u dan kellu influwenza fuq l-akkużi. Huwa argumenta wkoll li l-każ għandu jiġi eżaminat fil-kuntest relattiv tal-persuna kkonċernata. Żied li s-sentenza li ngħata kienet waħda eċċessiva.

L-abbuż seħħ fis-sajf tal-2010 f’diversi djar tal-irtiri u l-vittma kien wieħed minn ħames żgħażagħ li qatta’ jumejn fil-kunvent wara li esprimew ix-xewqa li jibdew it-triq tas-saċerdozju.

l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-azzjonijiet ta’ Belizzi huma kundannabbli u s-sentenza li ngħata l-akkużat mhix eċċessiva meta wieħed jikkunsidra l-effett li ħalliet fuq iż-żagħżugħ.

Is-Safeguarding Commission irreferiet il-każ lill-Pulizija biex tinvestiga u ġew implimentati restrizzjonijiet fuq il-persuna li kienet qiegħda tiġi investigata. Minħabba li Bellizzi kien qassis reliġjuż, ir-restrizzjonijiet ġew imposti mill-provinċjal fuq ir-rakkomandazzjonijiet tas-Safeguarding Commission. Id-deċiżjoni jekk jitneħħix min qassis tittieħed mill-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan.

Il-Provinċja tikkundanna kull aġir li jmur kontra l-etika u l-morali Nisranija

Il-Provinċja tal-Franġiskani Minuri Konventwali fi stqarrija qalet li hija tikkundanna kull aġir li jmur kontra l-etika u l-morali tal-Knisja.

B’referenza għas-sentenza li ngħatat fil-Qorti, il-Provinċja qalet li tinsab imnikkta f’dak kollu li ġara u tagħraf li l-ġustizzja ħadet il-kors tagħha.

Il-Provinċja spjegat li sa minn meta l-patri tressaq quddiem il-Qorti Ċivili l-ewwel darba, ġew imposti fuqu r-restrizzjonijiet kollha mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi u se tkompli tistenna iktar restrizzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti.