L-Air Malta tikkonferma li Gossler m’għadux l-Uffiċjal Kap Finanzjarju

L-Air Malta kkonfermat li Klaus Gossler m’għadux l-Uffiċjal Kap Finanzjarju (CFO) tagħha.
L-Air Malta ħarġet stqarrija wara li l-ġurnal Times of Malta qal li Gossler irriżenja fost diżgwid dwar il-futur tal-Air Malta bejn maniġers tal-linja tal-ajru u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.
Skont l-Air Malta, ir-rapporti dwar Gossler kienu skoretti. Għalkemm irreferiet għal Gossler bħala l-eks CFO, qalet li dan se jkompli jkun assoċjat mal-Air Malta u se jagħtiha appoġġ f’oqsma speċifiċi. Qalet li dan se jsir waqt li l-kumpanija tkompli tikber u waqt li jkompli jsir “re-organizzazzjoni”.
L-Air Malta ċċirkolat ukoll stqarrija ta’ Gossler li qal li huwa skorett li wieħed jgħid li hu telaq mill-Air Malta “minħabba diżgwid dwar l-istrateġija”. Qal li l-istrateġija l-ġdida tal-Air Malta għandha l-appoġġ sħiħ tiegħu.
Skont Gossler, m'hemm l-ebda “diverġenzi” bejn l-amministrazzjoni, Konrad Mizzi, u hu.