Ikkonfermata: Peter Paul Zammit daqshekk Kummissarju – Jinħatar Ray Zammit

Il-Gvern ħabbar li b’kunsens ma' Peter-Paul Zammit ittieħdet id-deċiżjoni li hu ma jibqax Kummissarju tal-Pulizija, u li se jaħtar lill-Assistent Kummissarju Raymond Zammit bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija.
Zammit se jingħata rwol amministrattiv li jieħu ħsieb il-kordinazzjoni tas-sigurtà ta’ avvenimenti internazzjonali li se jseħħu f'Malta fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, ftit qabel ma ħarġet l-istqarrija tal-Gvern fis-6.44pm, Peter Paul Zammit qal li f'dan l-istadju ma jistax jagħti dettalji.
Kien Newsbook.com.mt l-ewwel li rrapporta kif saru laqgħat f'Kastilja biex Ray Zammit isir Kummissarju.
Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, kemm Peter Paul Zammit kif ukoll Raymond Zammit dehru deħlin Kastilja.  
Fl-aħħar sigħat, mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk hux lest li jaċċetta din il-kariga jekk jiġi offrut din l-opportunità, Ray Zammit qal li ma jistax iwieġeb “għax qiegħed f’laqgħa”.
F'Mejju li għadda wara li fil-midja ġie rrappurtat kif Peter Paul Zammit jista' jitneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija, Newsbook.com.mt kien tkellem ma' Zammit innifsu li ċaħad dawn ix-xnigħat. Madanakollu sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma' Newsbook.com.mt, qalu li isem Ray Zammit ilu jidwi fid-Depot għall-kariga ta' Kummissarju sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali. 
Peter Paul Zammit inħatar Kummissarju tal-Pulizija ftit iktar minn sena ilu. Zammit ilu fil-Korp tal-Pulizija għall-aħħar 25 sena, fejn fost l-oħrajn kien Spettur u Supretendent.
Ilbieraħ, f'ittra lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, Giovanni Kessler, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF, l-aġenzija ta' kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea, qal li l-Kummissarju tal-Pulizija ma kkollaborax dwar l-investigazzjoni ġdida dwar il-każ tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Kessler qal li dan minkejja li l-uffiċċju talab lill-Kummissarju tliet darbiet. 
Fl-istqarrija, il-Gvern qal li fiż-żmien li ġej se jkun qed jiġi studjat u mwettaq proċess ta’ riorganizzazzjoni fuq livelli differenti fl-operat tal-Korp tal-Pulizija. Dwar dan il-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali u l-Intern Manuel Mallia se jkun qed jagħmel stqarrija ministerjali nhar l-Erbgħa 9 ta’ Lulju 2014.
Reazzjoni PN
Fi stqarrija l-Kelliem tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi qal li Peter Paul Zammit m'għandux iġorr ir-responsabbiltà waħdu. Qal li l-PN jinnota li wara l-publikazzjoni tal-ittra tal-OLAF u d-dikjarazzjoni ta' Giovanni Kessler ilbieraħ, il-Kummissarju irriżenja. Azzopardi sostna li dan ifisser li l-Kummissarju għaraf jerfa' r-responsabbiltà tiegħu, u li din trid tinġarr ukoll mill-Prim Ministru għax kien hu stess li kien iddikjara, b'xhieda tiegħu stess fil-Kumitat tal-Privileġġi tal-Parlament, li kien hu personalment li ħatar lil Zammit bħala Kummisarju.
Il-PN awgura wkoll lil Ray Zammit fil-ħatra ġdida tiegħu u jawguralu li ma jaqax għall-indħil politiku li waqa' għalih il-predeċessur tiegħu.