Ikkonfermata: Mons. Alfred Xuereb għal Nunzju fil-Korea t’Isfel

Tħabbret b’mod uffiċjali l-aħbar li l-Papa Franġisku għażel lil Mons. Alfred Xuereb, wieħed mis-saċerdoti tad-Djoċesi ta’ Għawdex, biex isir Nunzju Appostoliku tal-Korea t’Isfel.
Newsbook.com.mt nhar il-Ġimgħa li għadda rrapporta dak żvelat fuq is-sit Il Sismografo, li semma lil Mons. Xuereb bħala wieħed minn Nunzji Appostoliċi li se jinħatru fil-jiem li ġejjin.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja ta’ Għawdex, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li Mons. Xuereb se jkun qed jaqdi wkoll l-irwol ta’ Arċisqof titulari ta’ Amantea fl-Italja.
Mons. Alfred Xuereb se jirċievi l-Konsagrazzjoni episkopali minn idejn il-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan, nhar it-Tnejn 19 ta’ Marzu fil-5pm.
Sal-lum, Mons. Alfred Xuereb kien jaqdi r-rwol ta’ Prelat Segretarju Ġenerali fis-Segreterija għall-Ekonomija tas-Santa Sede.
Fost dawk preżenti għall-konferenza kien hemm ommu Doris, oħtu Silvia Caruana u qraba oħra.

L-Isqof Mario Grech qal li din hija aħbar ta’ ferħ għad-Djoċesi ta’ Għawdex u għall-pajjiż, kif ukoll konferma tal-imħabba li l-poplu ta’ Alla f’Għawdex għandu lejn il-missjoni.
Fi kliem l-Isqof Grech, dan il-mandat speċjali li l-Papa Franġisku qed jafda lill-Arċisqof maħtur Mons. Xuereb, għandu jqanqal aktar għożża u apprezzament tal-familji li huma l-benniena ta’ kull vokazzjoni saċerdotali. 
Mons. Grech fakkar kemm Mons. Xuereb kellu u għad għandu għal qalbu l-appostolat vokazzjonali.

Fl-ewwel kumment tiegħu wara din il-ħatra, Mons. Xuereb qal li l-Papa hu attent ħafna biex jibni pontijiet f’dik il-parti partikolari tal-Asja, u li jħossu onorat ħafna bl-istima kbira tiegħu.
Insista biex il-poplu jiftakar fih fit-talb.
Il-motto magħżul minnu bħala parti mill-arma tiegħu hu “Ut unum sint”, it-talba ta’ Kristu għall-għaqda bejn l-Insara: “Biex ikunu lkoll ħaġa waħda”.
L-Arċidjoċesi ta’ Malta tifraħ lill-Arċisqof-elett Mons. Alfred Xuereb
L-Arċidjoċesi ta’ Malta ferħet lill-Arċisqof-elett, Mons. Alfred Xuereb, għall-ħatra mill-Papa Franġisku ta’ Nunzju Appostoliku fil-Korea ta’ Isfel. L-Arċidjoċesi ta’ Malta tingħaqad mad-Djoċesi ta’ Għawdex fit-talb għall-Arċisqof-elett biex il-Mulej jagħtih l-għajnuna f’din il-missjoni ġdida tiegħu.
Tista' taqra' l-bijografija ta' Mons. Xuereb hawn taħt.