Ikkonfermata l-mewt tat-tfajla Rumena li nħatfet u ġiet stuprata

Riżultati tad-DNA kkonfermaw li t-tfajla Rumena ta’ 15-il sena li nħatfet hija mejta.

Dan inkiteb miz-ziju tat-tfajla fuq il-midja soċjali, wara li dan il-każ qajjem furur fost il-pubbliku u kixef ċerti nuqqasijiet min-naħa tal-awtoritajiet fir-Rumanija.

Mekkanik ta’ 65 sena minn Caracal mir-Rumanija ammetta li qatel lil Alexandra Macesanu, li għebet fl-24 ta’ Lulju, u tfajla oħra ta’ 18-il sena f’April li għadda.

It-tfajla ċemplet għall-emerġenza tliet darbiet biex tgħid li kienet inħatfet, ġiet imsawta u stuprata, iżda l-awtoritajiet damu 19-il siegħa sakemm irnexxielhom jittraċċaw it-telefonati tagħha biex isibuha u jiksbu mandat ta’ tfittxija għal ġod-dar tal-mekkanik.

Fuq il-post, l-awtoritajiet sabu għadam u kampjuni tad-DNA, imma għadu jrid jinħareġ rapport forensiku preliminari.

Iz-ziju tat-tfajla kiteb fuq Facebook li t-testijiet tad-DNA jikkonfermaw li t-tfajla hija mejta. Jum qabel, missier it-tfajla qal li għadu ma qatax qalbu u li għadu jemmen li bintu hija ħajja.