Ikkonfermata l-inkjesta fil-konfront tad-direttur ta’ Chetcuti Cauchi

Il-Qorti Kriminali kkonfermat id-deċiżjoni li ħadet il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo f’Novembru li għadda sabiex tinfetaħ inkjesta kriminali fil-konfront ta’ Jean-Philippe Chetcuti. Dan biex jiġi stabbilit jekk dan ikkommettix reat meta nqabad fuq filmat jgħid li jista’ jirranġa biex persuna b’rekord kriminali jkun jista’ jixtri l-passaport Malti.

Aqra: Inkjesta kriminali fuq l-avukat li ftaħar b’rabtiet mal-Gvern

Dan id-digriet tal-Imħallef Edwina Grima ħareġ wara li Chetcuti nniffsu, li huwa senior partner tad-ditta legali Chetcuti Cauchi, kien issottometta applikazzjoni lill-Qorti Kriminali sabiex id-deċiżjoni tal-Maġistrat tiġi revokata. Fis-7 ta’ Novembru, il-Maġistrat Farrugia Frendo kienet laqgħet it-talba tal-għaqda mhux governattiva Repubblika biex tinfetaħ inkjesta kriminali fuq Chetcuti kemm fil-kapaċità tiegħu personali kif ukoll fil-kapaċità tiegħu bħala d-direttur tad-ditta legali. Dan kollu b’rabta max-xogħol ta’ konsultazzjoni li tagħmel il-kumpanija b’rabta mal-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment (IIP).

Intant, il-Qorti llimitat l-iskop tal-inkjesta sabiex Chetcuti jiġi investigat bħala s-suspettat ewlieni u mhux fl-irwol tiegħu bħala direttur tal-kumpanija.

Aqra: Mhux sorpriżi bil-konklużjonijiet – Chetcuti Cauchi

X’inhuma d-dettalji tal-każ?

Ġurnalist Franċiż kien għamilha taparsi rappreżentat ta’ raġel Afrikan li xtaq jixtri l-passaport Malti. B’kamera moħbija huwa kien iltaqa’ ma’ rappreżentati ta’ Chetcuti Cauchi. L-avukat kien fost affarijiet oħra ftaħar b’rabtiet li għandu ma’ membri tal-Kabinet u l-Prim Ministru Joseph Muscat minn żmien l-iskola.

Aqra: Il-PM ma jippublikax l-ittra ta’ sospensjoni ta’ Chetcuti Cauchi

Chetcuti kien inqabad jgħid ukoll li s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli li hi responsabbli mill-bejgħ ta’ ċittadinanza hi qrib ta’ martu, filwaqt li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici kien jaħdem fid-ditta legali tiegħu.

L-avukat kien qed jiftaħar biex juri lit-taparsi rappreżentat tal-klijent Afrikan li jista’ jirranġalu għall-passaport minkejja li teoratikment il-klijent fittizju ma kienx jgħaddi mill-proċess ta’ due diligence hekk kif mitlub mil-liġi. Chetcuti fuq il-filmat kien inqabad jissuġġerixxi li dan jaf ma jkunx il-każ.

Aqra: Ippubblikat ir-rapport Chetcuti Cauchi dwar l-allegat rabtiet mal-Gvern

L-għaqda mhux governattiva Repubblika kienet ressqet talba biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm tixħim jew abbuż mill-pożizzjoni tiegħu.

“Konferma li l-IIP qed tagħmel il-ħsara lill-pajjiż” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li d-deċiżjoni tal-Imħallef Edwina Grima hija konferma oħra ta’ kemm l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti qed tagħmel ħsara lill-pajjiż. Fl-istqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iċ-Ċittadinanza, Karol Aquilina, qal li fid-dawl ta’ dan kollu, l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli għandhom jerfgħu r-responsabbiltà politika. Qal li din l-iskema għandha titwaqqaf b’mod immedjat fl-interess nazzjonali.

Aqra: Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern