Ikkonfermata: L-ebda azzjoni dixxiplinarja kontra Edwin Vassallo

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kkonferma dak li żvela Newsbook.com.mt fil-jiem li għaddew, li l-Eżekuttiv mhux se jieħu l-ebda azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, li kien l-uniku Deputat li mar kontra d-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari u vvota kontra ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista li kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li ppropona li ma jittieħdu l-ebda passi kontra Vassallo.
F’kummenti li kien ta lil Newsbook.com.mt, id-Deputat Edwin Vassallo kien insista li hu inġust li f’kwistjonijiet ta’ kuxjenza, il-Gvern u l-Oppożizzjoni se jibqgħu jimponu ruħhom.
Kien qal ukoll li se jivvota skont il-kuxjenza għax hu Nisrani qabel ma hu Nazzjonalist u li lest joqgħod għal kull dixxiplina li jitlob minnu l-partit.
F’kumment dwar din id-deċiżjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-importanti mhux kif ivvota Deputat, imma li l-Partit Nazzjonalista għamel passi kbar “favur l-ugwaljanza f’pajjiżna,” minkejja li “kien pass diffiċli għal xi wħud.”
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Kap tal-Partit wera l-apprezzament tiegħu lejn deputati oħra, li minkejja li kellhom riżervi dwar il-liġi baqgħu leali lejn il-partit u vvutaw mal-kumplament tal-Oppożizzjoni.