Jitħabbru d-dettalji tal-funeral ta’ Daphne

Il-funeral tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia se jkun qiegħed isir nhar il-Ġimgħa fir-Rotunda tal-Mosta.
L-Arċipriet tal-Mosta, Dun Sebastian Caruana kkonferma ma’ Newsbook.com.mt id-data tal-funeral li se jsir fis-sagħtejn ta' waranofsinhar.
Se jkun l-Arċisqof Charles Scicluna li se jiċċelebra l-Quddiesa.
Il-ġimgħa li għaddiet, f’għeluq il-ġimgħa mill-assassinju, l-Arċisqof qaddes ukoll quddiesa b’suffraġju għal ruħha fil-knisja tal-Bidnija.
Intant għadd ta' persuni għadhom qed ipoġġu xemgħat u fjuri fuq il-Monument tal-Assedju li fl-aħħar jiem, b'mod spontanju, tista' tgħid li sar il-monument ta' Daphne Caruana Galizia.
RTK 103fm se jkun qed ixandar programm speċjali waqt il-funeral ta' Daphne Caruana Galizia. 
Sadanittant, Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia rreferiet għad-diversi rapporti fil-midja dwar il-funeral ta' oħtha. 

Qalet li d-data ma tħabbritx uffiċjalment, u li huma l-membri tal-familja biss li jistgħu jagħmlu dan. 
Żiedet tgħid li l-familja mhix tawtorizza l-preżenza tal-midja fil-Knisja u li d-difna se ssir privatament.
Kompliet tikteb li l-familja ma tridx u ma tawtorizzax li jkun hemm membri tal-midja għall-funeral.