Ikkonfermat libell li rebaħ Keith Schembri

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza ta’ libell fil-konfront tal-gazzetta In-Nazzjon li kienet instabet ħatja ta’ malafama fil-konfront taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Dan wara li nstab li artiklu li ppubblikat f’Novembru 2014 kien malafamanti. L-artiklu kien dwar il-kuġin ta’ Schembri, Ryan Schembri, li allegatament kien iffroda lil xi nies u ħarab minn Malta.
L-Imħallef Anthony Ellul ikkonferma li l-artiklu kellu insinwazzjonijiet intiżi biex iħammġu lil Schembri u saħaq li kieku Keith Schembri ma kienx viċin il-Prim Ministru, ma kienx jissemma fl-artiklu u ma kinitx tingħata dik il-prominenza kollha lil Ryan Schembri.
Sostna li l-artiklu ma kienx ibbażat fuq it-tfittxija tal-verità u tax-xandir tal-fatti lill-qarrejja, iżda kellu l-intenzjoni li jagħmel ħsara lil Schembri.
Għalhekk ordna lill-ġurnal In-Nazzjon biex iħallas kumpens ta’ €5,000 lil Keith Schembri.