Aġġornata: Il-PM mhux jagħti garanzija li Martin Galea għadu ħaj

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikkonferma rapporti li dehru f’sezzjoni tal-midja li raġel Malti, li għandu madwar 40 sena, ilu dawn l-aħħar ġranet maħtuf mill-militanti Libjani.
Jirriżulta li Martin Galea mill-Bidnija, li jaħdem mal-kumpanija tal-enerġija Nageco ilu maħtuf mis-17 ta’ Lulju, hekk kif kien qed jirritorna lejn ix-xogħol 'il barra minn Tripli.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikkonferma din l-aħbar wara li xxandru rapporti fil-midja, għalkemm Galea kien ilu tmint ijiem maħtuf. 
Il-Ministeru qed jipprova jistabbilixxi kuntatt ma’ Galea permezz tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li rapporti mhux ikkonfermati jindikaw li n-Nazzjonijiet Magħquda qed jikkunsidraw il-possibilità li jsiru laqgħat f’Malta dwar is-sitwazzjoni fil-Libja.

L-ebda garanzija mill-Prim Ministru li Galea għadu ħaj:
Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Martin Galea kien għadu ħaj meta l-aħħar li sar kuntatt miegħu mid-diplomatiċi Maltin fil-Libja.
Sostna li ma jistax jagħti garanzija li Galea għadu ħaj. 
Dr Muscat qal li l-Gvern ġie mgħarraf bil-ħtif ta’ Galea l-Ħadd li għadda.
Sostna li l-Gvern ingħata l-parir li l-aħbar ma tingħatax prominenza biex tiġi żgurata s-sigurtà tar-raġel Malti.
Filwaqt li saħaq li l-prijorità tal-Gvern hi s-sigurtà ta’ Galea, is-sitwazzjoni hija delikata u l-Gvern irnexxilu jidentifika l-grupp tal-militanti li ħataf li Galea. 

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-aħbar li ħaddiem Malti jinsab maħtuf fil-Libja, huwa tħassib serju “b’mod speċjali wara li l-Gvern Malti baqa’ jinsisti fl-aħħar jiem li s-sitwazzjoni fil-Libja mhix waħda gravi.”
Fi stqarrija l-PN fakkar li l-Ġimgħa li għaddiet il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella qal li m’hemmx bżonn li l-Maltin li jinsabu fil-Libja jiġu evakwati.
Illejla fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil se jkun qed jitkellem dwar dan l-iżvilupp.