Ikkonfermat il-Prim Ministru ġdid għall-Italja

Conte

Il-President tal-Italja, Sergio Mattarella aċċetta lill-Professur Giuseppe Conte bħala l-Prim Ministru l-ġdid tal-Italja li se tkun qed titmexxa minn Gvern magħmul minn koalizzjon.
Conte kien ġie magħżul mill-partit Ewro xettiku tal-Moviment tal-Ħames Stilel u l-partit lemin-estrem tal-Lega sabiex jitwaqqaf l-istaġnar politiku li ħakem lill-pajjiż għall-aħħar 11-il ġimgħa.
Il-Professur li għandu 53 sena kien qed jiġi akkużat li eżaġera fl-esperjenza provduta fis-CV.
F’kumment li ta lill-midja, Conte spjega li l-Italja ilha tistenna Gvern ġdid u bosta tweġibiet. Sostna li dan il-Gvern magħżul se jkun Gvern ta’ bidla.
Saħaq li se jkun qed jiddefendi lit-Taljani kollha kemm internazzjonalment u anke fl-Unjoni Ewropea.
L-Italja kien ilha mingħajr Gvern mill-elezzjonijiet li saru fl-4 ta’ Marzu għax l-ebda partit politiku ma rnexxielu jgħaqqad maġġoranza.
Ritratt: Reuters