Ikkonfermat il-ħruġ ta’ żjut fil-Freeport

Il-Malta Freeport Terminals qalet li kien hemm ħruġ taż-żjut fit-terminal wara li kien hemm inċident bl-involviment ta’ container.

Fi stqarrija, il-Malta Freeport Terminals qalet li matul il-lejl li għadda użat boom temporanja bħala miżura ta’ prekawzjoni. Qalet li dan sar biex jiġu protetti għawwiema fi Pretty Bay f’Birżebbuġa.

Ilbieraħ il-Partit Demokratiku (PD) qal li persuna fuq dgħajsa rrapurtat lill-awtoritajiet li kien hemm xi żejt fil-baħar fl-inħawi tal-Freeport u li kieku r-riħ ma kienx mill-Majjistral seta’ kien hemm kriżi akbar.

Il-port ma qalx x’wassal għall-inċident imma qal biss li seħħ meta container intlaqat b’mod aċċidentali. Saret spezzjoni li sabet li ż-żejt ma marx fiż-żona tal-għawm. Kelliem għall-Freeport qal li “m’hemmx periklu għall-għawwiema”.

Il-Malta Freeport Terminals fakkret kif għandha lightweight rapid response boom permezz ta’ investiment li sar is-sena l-oħra ta’ €30,000. Dan l-apparat ma jħallix likwidu jidħol fiż-żona tal-għawm u jipproteġi lill-bajja tar-ramel.