Ikkanċellati l-attivitajiet kollha marbutin mal-festa ta’ San Lawrenz

Ritratt: Marco AVellino / Facebook: Kumitat Esterni San Lawrenz

Il-kumitat konġunt iffurmat mill-entitajiet kollha tal-festa ta’ San Lawrenz fil-Belt Vittoriosa, minkejja l-programm imħejji ta’ attivitajiet soċjali u marċijiet tal-Antivigilja u tat-Te Deum, ħabbar li wara li dan l-aħħar osservaw l-iżviluppi fil-qasam tas-saħħa b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19 u għarblu r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa mħabbra lbieraħ mill-Ministru tas-Saħħa lbieraħ 30 ta’ Lulju, huma ddiskutew bejniethom u waslu għad-deċiżjoni li jħassar il-programm kollu tal-attivitajiet soċjali u l-marċijiet.

“Sal-mument li qed nippublikaw din l-istqarrija, il-quddiesa tal-festa u l-pellegrinaġġ bil-vara ta’ San Lawrenz ta’ nhar it-Tnejn 10 ta’ Awwissu, u l-programm tal-logħob tan-nar tal-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu għandhom isiru kif pjanat,” qalu huma.

Huma saħqu li din l-istqarrija twasslet b’qasma ta’ qalb kbira, l-aktar wara l-isforzi kbar li saru fl-aħħar ġimgħat. Iżda kull min hu involut jemmen li saħħet il-Vittoriosani u d-devoti ta’ San Lawrenz għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Il-Kumitat Festi Esterni San Lawrenz, is-Soċjetà Mużikali San Lawrenz, IIs-Sezzjoni Żgħażagħ Palmizi Birgu u l-Għaqda Piroteknika 10 ta’ Awwissu, li huma l-għaqdiet li jiffurmaw il-kumitat konġunt, ħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħmel kuraġġ u josserva r-restrizzjonijiet tal-awtoritajiet biex bis-saħħa ta’ kulħadd u bl-għajnuna ta’ San Lawrenz, il-pandemija tgħaddi minn fuq id-dinja darba għal dejjem.