Aġġornata bil-filmat: “Se niggvernaw bħala moviment” – Dr Joseph Muscat

Meta sellem lill-folla miġbura quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru elett Dr Joseph Muscat sostna li l-PL kkampanja bħala moviment u se jiggverna bħala moviment. Dr Muscat qal li llum ix xemx ma telgħatx għal nofs Malta imma għal kulħadd, anke għal dawk li ma vvutawx għall-bidla.

Il-Prim Ministru elett sostna li l-poplu ta mandat tant b’ saħħtu li jġib responsabbiltà kbira. Hu saħaq li se jaħdem b’ ħiltu kollha biex ħadd ma jħossu barrani f’ pajjiżu.

Dr Muscat irringrazzja liż-żgħażagħ għax qal li ma kienux spettaturi imma protagonisti. Dr Muscat irringrazzja lil dawk li għenu u saħaq li l-Gvern se jżomm saqajh mal-art u jibqa’ spalla ma’ spalla man-nies.

Filwaqt li tenna l-frażi ‘Malta Tagħna Lkoll’, Dr Muscat irringrazzja wkoll lill-Pulizija.