Ikisser it-twieqi ta’ 2 karozzi; missieru jieħdu l-għassa

Missier ħa lil ibnu, ġuvni ta’ 24 sena mis-Somalja, għand il-Pulizija u ammetta li kien hu li kisser it-twieqi ta’ żewġ karozzi f’Tas-Sliema.

Fil-Qorti nstema’ kif il-missier adottiv ħa lil ibnu l-għassa biex it-tifel jagħmel rapport li kien hu li kisser żewġt itwieqi tal-karozzi f’Tas-Sliema.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, l-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. L-Ispettur qal li l-akkużat huwa persuna magħruf mill-Pulizija. Kompla li ż-żgħażugħ ta stqarrija wara li rrifjuta li jkellem l-avukat.

L-Avukat tad-difiża qal li l-klijent tiegħu ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih u spjega li l-akkużat għaddej minn żmien diffiċli minħabba l-vizzju tad-droga. Kompla li jekk l-akkużat jingħata ordni ta’ probation ikun jista’ jfittex l-għajnuna biex jegħleb dan il-vizzju.

Wara li l-qorti wissiet lill-akkużat li bl-ammissjoni tiegħu jista’ jeħel sa 14-il xahar ħabs, l-akkużat ikkonferma li hu ħati. Missier l-akkużat qal fil-Qorti li hu lest iħallas għad-danni li wettaq it-tifel. Min-naħa tagħha l-Qorti ordnat ordni ta’ superviżjoni temporanja fuq il-ġuvni sakemm jiġi kwantifikat il-ħsara li saret.

L-avukat tad-difiża talab biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm ikun magħruf il-ħsara li saret. Il-Maġistrat laqgħet it-talba tad-difiża b’depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €2,700. Huwa ngħata curfew.