Ikisser il-bieb t’ommu u jġegħilha tibża’; jinħeles mill-arrest

vjolenza psikoloġika

Relazzjoni kumplikata ta’ bejn omm u binha ħadet xejra agħar meta r-raġel allegatament kissrilha l-bieb ta’ barra u spiċċa l-qorti.

Ir-raġel ta’ 44 sena nħeles minn arrest preventiv ilbieraħ wara li ċaħad li wettaq dan. Din ma kinitx l-ewwel darba li r-raġel ġie akkużat b’reati ta’ din ix-xorta. Il-pulizija kellhom jintervjenu waqt argument bejn ir-raġel u ommu fid-dar tal-familja fl-Imsida.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi li uża l-vjolenza, anke vjolenza morali u psikoloġika, li hedded u ħebb għal ommu, u li ġegħilha tibża’ li se jkun vjolenti magħha. Ġie akkużat ukoll li għamel il-ħsara fil-propjetà t’ommu, u li kien fil-pussess tal-kannabis.

Fil-qorti ntqal li s-sitwazzjoni bejn l-omm u l-iben eskalat nhar il-Ġimgħa, tant li r-raġel, li joqgħod m’ommu, allegatament kissrilha l-bieb ta’ barra. Il-Maġistrat Monica Vella, wara li semgħet il-verżjoni taż-żewġ naħat, laqgħet it-talba tal-akkużat għall-ħelsien mill-arrest taħt l-ordni stretta li ma jibqax joqgħod m’ommu u li jikseb riabilitazzjoni għall-problemi tiegħu ta’ droga u ta’ rabja.

Huwa jrid iħallas garanzija personali ta’ €5,000 u ngħata twissija biex ma javviċinax lil ommu jew id-dar.