Ikellem lill-klieb bil-mowbajl imma jirrappurtawh li jaħqarhom

Sid ta’ żewġt iklieb appella lill-pubbliku biex juża s-servizzi offruti mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali kif suppost, għax rapporti foloz jistgħu jfissru aktar dewmien biex tingħata l-għajnuna lill-annimali li verament ikollhom bżonn. 

Joseph Spiteri minn Santa Venera rrakkonta ma’ Newsbook.com.mt kif illum irċieva nota mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali biex jikkuntattja lid-Dipartiment, li rriżulta li rċieva rapport li Spiteri ma kienx qed jitratta lill-klieb tiegħu kif suppost.

Spiteri qal li wara l-kuntatt mad-Dipartiment, l-uffiċjal responsabbli mill-każ waqqa’ r-rapport fil-konfront tiegħu wara li vverifika li l-klieb jinżammu kif suppost.

Huwa qal li dawk kollha li jafuh jistgħu jikkonfermaw li l-klieb huma l-mimmi t’għajnejh u li lanqas qatt joħlom li jaħqarhom.

Żied jgħid li meta ma jkunx ħdejn Maya u Marley, jibqa’ jimmonitorjahom minn fuq il-mowbajl, anke meta jkun imsiefer għalkemm ikunu wkoll ma' persuna li tkun qed tieħu ħsiebhom fin-nuqqas tiegħu.

Joseph Spiteri appella lill-pubbliku biex qabel ma jagħmel rapport mal-Animal Welfare, iqis li dak li se jkun se jirrapporta jkun minnu għax dan jista’ jfisser ħela ta’ ħin għal dawn l-uffiċjali li jkollhom impenji oħra biex isalvaw annimali li verament ikollhom bżonn l-għajnuna.

Appella wkoll lill-awtoritajiet biex ibiddlu l-fuljetti li qed jintużaw bħalissa minn dan id-Dipartiment minħabba li żewġ numri tat-telefown imniżżla fil-fuljett li rċieva ma jeżistux.

Newsbook.com.mt huwa infurmat ukoll li n-numri tat-telefown fuq l-ambulanza li tintuża mid-Dipartiment huma inkorretti wkoll.