Ikeċċu tifla bl-awtiżmu minn fuq ajruplan għax ħasbuha waħedha

Ryanair keċċa tifla bl-awtiżmu minn fuq ajruplan fil-Portugal għax l-istaff ma emmnux li kienet qed issiefer ma’ familtha.

It-tifla Ingliża ta’ 13-il sena ma tħallietx titlaq mill-Portugall bil-biljett tat-titjira tagħha minkejja li fuqha kellha d-dokumentazzjoni kollha li talbet il-linja tal-ajru sabiex tħalli lit-tifla ssiefer mingħajr il-ġenituri tagħha iżda ma’ bosta membri oħra tal-familja.

Omm it-tifla spjegat ma’ Nottinghamsire Live li ġiet sfurzata toħroġ minn fuq l-ajruplan, liema att wassal sabiex it-tifla tgħaddi minn tantrum qawwi u titħalla l-ajruport tibki u tolfoq.

Il-linja tal-ajru kienet talbet lill-ġenituri jissuplixxu ittra bil-permess ffirmata mill-ġenituri u kopja tal-passaport tal-omm u l-missier. Dan sabiex it-tifla tkun tista tiċċelebra għeluq snin in-nanna tagħha f’Algrave.

It-tifla ħarġet mill-Ingilterra maz-zijiet, kuġini u l-parrina nhar il-Ġimgħa mingħajr problemi ta’ xejn. Iżda meta ġiet biex tirritorna, 10 minuti qabel ma telqet it-titjira ntalbet tinżel minn fuq l-ajruplan flimkien ma’ membru tal-familja.

L-omm imbikkma spjegat li tixtieq li tkun hemm għal bintha iżda ma tistax. Insistiet li r-raġunament tal-linja tal-ajru ma jagħmilx sens.

Aktar tard, Ryanair ħareġ dikjarazzjoni li tfal taħt is-16-il sena m’għandhomx permess li jsiefru mingħajr ma jkun hemm ħadd jieħu ħsiebhom. Sostna li t-tifla kienet reġistrata fuq żewġ bookings separati u ma kienx hemm adulti li kienu se jkunu magħha fuq it-titjira lura lejn l-Ingilterra. Spjega li t-tifla u l-membru tal-familja ngħataw żewġ biljetti f’titjira li telqet aktar tard fl-istess ġurnata.