Iħeġġu lill-Gvern Malti jieħu pożizzjoni kontra “l-abbużi tal-Iżrael” fuq il-Palestina

Il-Palestine Solidarity Network – Malta ħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jieħu pożizzjoni ċara kontra l-abbużi ta’ Iżrael, kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-kolonizzazzjoni ta’ art Palestinjana.
Waqt konferenza faċċata tal-Parlament, il-grupp saħaq li sanzjonijiet kontra l-Iżrael huma assolutament meħtieġa u l-mexxejja tal-pajjiżi ma għandhomx sempliċiment isejħu lill-Palestina u lill-Iżrael biex jiefqu mill-ġlied mingħajr ma jagħmlu xejn.
Dawk preżenti, ħeġġew lil dawk kollha involuti fix-xena internazzjonali biex jagħmlu pressjoni fuq Iżrael biex itemm l-okkupazzjoni u l-aggressjoni, ħtif ta’ nies u restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ nies.
Il-Palestine Solidarity Malta saħaq li tliet xhur ilu, settlers illegali Iżraeljani ħaqru dar f’Duma u qatlu tifel ċkejken u lill-ġenituri tiegħu. Semmew ukoll iż-żieda fil-preżenza militari madwar il-Moskea Al Aqsa f'Ġerusalemm, li fi kliemhom partijiet minnha sfaw maħruqa u meqrudin.
Il-membri tal-grupp iddeskrivew ukoll kif ħafna Palestinjani huma mċaħħda mill-aċċess għall-ilma, huma soġġetti regolarment għall-arrest jew detenzjoni fuq bażi arbitrarja, għandhom restrizzjonijiet biex imorru minn post għall-ieħor, djarhom jiġu kontinwament imwaqqgħin u huma mdawrin b'ħajt enormi ta' separazzjoni. 
Din il-ġimgħa, il-Palestine Solidarity Network – Malta, se jkollu stand l-Universita` ta' Malta b'informazzjoni dwar din il-kwistjoni. 
Se jkun hemm ukoll 3 taħdidiet fit-18 u l-25 ta' Novembru u fit-2 ta' Diċembru dwar l-istorja tal-Palestina u l-kunflitt kurrenti ġewwa 67, Triq id-Dejqa, il-Belt.