Iħeġġu lill-Gvern juża l-istipendju biex jidderieġi lill-istudenti

Il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-Gvern biex juża l-istipendju biex jidderieġi lill-istudenti f’karrieri li huma ta’ prijorità għal Malta. Dan qaluh fil-proposti tagħhom għall-baġit 2020 li se jiġi ppreżentat fl-14 ta’ Ottubru.

Dwar l-istipendji, il-Kamra qalet li Malta għandu jkollha sistema edukattiva li tħares ‘il quddiem. Spjegat li anke s-settur privat għandu jkun involute fit-tagħlim permezz ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għall-istudenti.

Il-proposta ewlenija tal-Kamra tal-Kummerċ hija dwar il-pagi. Huma saħqu li għandu jkun hemm aktar informazzjoni dwar l-għoli fil-pagi u jekk dwar iż-żidiet humiex marbuta mal-produttività. Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li ż-żieda fl-ispejjeż tal-ħaddiema hija l-isfida ewlenija tan-negozji f’Malta.

Proposta oħra tgħid li għandu jsir stħarriġ fis-settur pubbliku dwar nuqqas ta’ ħaddiema jew ħaddiema żejda fid-dipartimenti tal-Gvern.

Il-Kamra tal-Kummerċ mistennija toħroġ aktar proposti fil-ġranet li ġejjin.