Iħebbu għal raġel f’Għawdex; jinħelsu mill-arrest

Żewġt irġiel ingħataw il-ħelsien mill-arrest fil-Qorti t’Għawdex wara li ġew akkużati li nhar il-Ħadd it-2 t’Awissu ikkaġunaw ġrieħi ta’ natura gravi lil raġel ieħor f’Għawdex u li kisru l-paċi pubblika.

Iż-żewġt irġiel li għandhom 24 sena residenti l-Għarb Għawdex u 31 sena mill-Maċedonja, rispettivament, ħebbew għar-raġel ta’ 49 sena residenti x-Xagħra fi Triq il-Port f’Marsalforn fiż-Żebbuġ, Għawdex għal ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu.

Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom u ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali. Il-Qorti t’Għawdex ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni biex l-akkużati ma jagħmlux kuntatt mal-vittma u huma marbuta li jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri filwaqt li għad-difiża deheru l-avukati Arthur Azzopardi u Jonathan Mintoff.