Iħebb għall-Pulizija u jgħajjat “Allah hu akbar”; jinżamm arrestat

Raġel qed jinżamm arrestat wara li pprova jigdem u jobżoq lil uffiċjali tal-Pulizija li ppruvaw jgħinuh, hu u jgħajjat “Allah hu akbar” iżjed kmieni dil-ġimgħa.

Il-Libjan ta’ 32 sena ġie arrestat nhar l-Erbgħa wara li ħebb għal 2 uffiċjali tal-Pulizija u pprova jigdimhom meta waqfu biex jaraw jekk kellux bżonn xi għajnuna. Huwa tressaq il-Qorti taħt l-akkużi li attakka lill-uffiċjali tal-Pulizija, insulentahom jew heddidhom waqt li kienu qed jaqdu dmirhom, weġġagħhom ħafif, kiser il-paċi pubblika, m’obdiex mill-ordnijiet tagħhom u talli kien xurban b’mod eċċessiv fil-pubbliku.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Robert Vella qal lill-Qorti li l-akkużat kien ta lill-Pulizija d-dettalji ta’ x’kien għamel dakinhar, imma qal li ma jiftakarx x’ġara wara li mar il-Moskea. Il-Qorti semgħet kif l-akkużat deher li ma kienx f’sikktu, peress li beda jirremetti fil-kamra fejn kien qed jinżamm qabel ma ttieħed l-isptar għal eżami mediku, iżda eventwalment, it-tobba ma rnexxilhomx isibu x’kellu.

Illum fil-Qorti xehdu l-Ispettur Robert Vella u 2 uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit u spjegaw li minn fuq ir-radju tagħhom kienu semgħu lil xi uffiċjali jitolbu għall-għajnuna għax ġew attakkati minn raġel barrani fil-Marsa.

Il-Pulizija kienu lemħuh mgħawweġ u jżomm ma’ barrier fit-triq, u għall-ewwel ħasbu li kien intlaqat minn karozza, għax kellu xi ġrieħi f’wiċċu u tajjar f’widnejh. Meta uffiċjal minnhom avviċinah, ir-raġel qam bilwieqfa u beda jgħajjat “Allah hu akbar” u ħebb għall-pulizija, jipprova jigdmu. L-uffiċjali komplew jgħidu li beda jagħti bil-ponn u bis-sieq, tant li kellhom jużaw taser biex jikkalmawh, iżda lanqas b’din ma rnexxielhom jikkontrollawh.

Wara t-taqtigħa, il-Pulizija rnexxielhom jimmanettjawh u jiħduh l-għassa tal-Pulizija. L-uffiċjali t-tnejn kellhom xi grif u marki tal-gdim fuq idejhom u marru l-poliklinika, iżda ma rriżultax li ħadu xi infezzjoni mill-bżieq tal-akkużat.

Il-każ ġie diferit għal Jannar.

Nghid prosit lil PC331 u PC 1421 mill-iskwadra tal-RIU u PC 16 u PC 572 mill-iskwadra tal-ALE kif ukoll PS 29 li jumejn…

Posted by Sandro Camilleri on Thursday, December 20, 2018