Iħebb għall-ġenituri; kien taħt l-effett tad-droga u l-alkoħol

Raġel ta’ 29 sena mis-Swieqi inżamm arrestat wara li allegatament attakka lill-ġenituri tiegħu wara li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol u d-droga.

Fil-Qorti, il-pulizija qalet li kmieni t-Tlieta filgħodu rċevew telefonata mingħand il-ġenituri tal-raġel jitolbu għall-għajnuna. Ir-raġel tressaq il-Qorti l-Erbgħa akkużat li pprova jweġġa’ gravi lil missieru, iżda mhux li jpoġġi l-ħajja tiegħu f’riskju. Huwa kien akkużat ukoll li weġġa’ ħafif lill-ġenituri tiegħu, heddidhom, ħebb għalihom u nissel fihom biża’.

Huwa kien akkużat ukoll b’pussess tad-droga ecstasy, cannabis u kokaina kif ukoll li seraq ammont ta’ flus mingħand il-ġenituri tiegħu. Għal dawn l-akkużi r-raġel wieġeb li mhux ħati bl-avukat tal-għajnuna legali informat lill-pulizija li ma kienx hemm talba għall-ħelsien mill-arrest

Id-difiża talbet biex l-akkużat jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli minħabba l-problema tad-droga u l-problemi ta’ saħħa mentali tal-akkużat. Min-naħa tagħha l-Maġistrat laqgħet it-talba tad-difiża u rrakomandat biex ir-raġel jibda jiġi seqwit minn psikologa u ħaddiema soċjali sabiex ikun jista’ jindirizza l-problema tad-droga.

Fuq talba tal-ġenituri, l-Qorti ħarġet Ordni ta’ Protezzjoni fuq il-ġenituri li kienu preżenti fl-awla.