Iħebb għall-ġenituri għax ma tawhx il-flus għad-droga

Read in English.

Raġel ta’ 29 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm arrestat wara li allegatament ta fastidju u abbuża mill-ġenituri tiegħu biex jagħtuh il-flus minħabba li għandu l-vizzju tad-droga. Huwa ġie akkużat bi vjolenza domestika fuq il-ġenituri tiegħu u li kkaġunalhom biża’. Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat għadu jgħix mal-ġenituri tiegħuli għandhom 74 u 75 sena.

L-avukat tal-għajnuna legali talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona għal dan. Il-prosekuzzjoni qalet li r-rapporti kienu qed jidħlu kuljum fl-għassa tal-pulizija ta’ Ħaż-Żabbar, kif ukoll li l-akkużat għandu problema tad-droga, ma jaħdimx u kontinwament isaqsi lill-ġenituri għall-flus. Il-prosekuzzjoni kompliet li l-ġenituri tiegħu kienu qegħdin jagħtuh madwar €5,000 fix-xahar u biegħu xi plottijiet sabiex ikunu jistgħu jagħtuh l-flus.

L-uffiċjal tal-prosekuzzjoni qalet li huwa beda programm ta’ riabilitazzjoni f’Lulju li għadda madankollu rritorna d-dar dakinhar stess jitlobhom il-flus. Żiedet li l-akkużat kien ilu 15-il sena jitlobhom il-flus, u meta l-omm irreżistiet milli tagħtih il-flus, l-akkużat ħebb għaliha u kkaġunalha ġrieħi ħfief.

Id-difiża argumentat li l-akkużat m’għandu l-ebda problema li jagħmel programm ta’ riabilitazzjoni madankollu m’għandux post fejn joqgħod. Min-naħa tiegħu l-akkużat talab lill-Qorti biex jagħti l-verżjoni tiegħu. Huwa qal li kienu l-ġenituri tiegħu li abbużawh, li hu addottat u li kien ukoll abbużat sesswalment. Żied li huwa m’għandux post fejn joqgħod iżda ommu qalet li taċċettah lura ladarba jaċċetta li jagħmel programm ta’ riabilitazzjoni.

Il-Maġistrat li qed tippresjedi l-każ iddeċidiet li l-akkużat ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-każ u minħabba li l-akkużat jgħix fl-istess dar tal-ġenituri tiegħu. Hija rrakomandat lid-Direttur tal-ħabs biex jieħu l-passi neċessarji sabiex l-akkużat jingħata l-għajnuna dwar il-problema tad-droga.