Iħarrku 650 persuna għax ħammġu l-ambjent

648 persuna ġew imħarrka bejn Jannar ta’ din is-sena u s-Sibt 25 ta’ Awwissu. Skont stqarrija tas-Segretarjat Parlamentari għall-Komunitajiet, ġew imwiddba 800 persuna. Għaldaqstant l-istqarrija ssostni li l-infurzar lokali ma baqax biss limitat għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda qed jimraħ f’oqsma importanti oħra.

Wara bosta lmenti dwar skart f’San Pawl il-Baħar, l-istqarrija tispjega kif f’Ġunju li għadda ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni sabiex tiżdied l-indafa f’dawn l-inħawi. 120 persuna li minnhom tħarrku 74 b’rabta ma’ offiżi ambjentali huma minn San Pawl il-Baħar. Fosthom hemm erba’ persuni li ġew imħarrka abbażi ta’ rimi ta’ skart b’mod illegali. Intqal li individwu partikolari ġie mmultat somma ta’ €2,329.37 b’rabta ma’ rimi ta’ skart u terrapien fil-baħar.