Iħallu Malta 2 gruppi ta’ immigranti

Bħala parti mill-ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u numru ta’ Stati Membri, fil-jiem li għaddew żewġ gruppi ta’ immigranti ħallew Malta biex jibdew ħajja ġdida fil-Ġermanja u Franza.

L-immigranti li ġew rilokati fil-Ġermanja ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta waqt li kienu abbord il-bastiment tal-Għaqda mhux Governattiva Ocean Viking. Dawn l-immigranti ġew salvati kollha fit-23 t’Awwissu li għadda wara li kienu ilhom 13-il jum bejn sema u ilma. Malta kienet intervjeniet wara li li kien hemm qbil li dawn l-immigranti se jkunu kollha rilokati f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni grupp ta’ immigranti li ġew rilokati fi Franza ġew salvati wkoll mil-istess bastiment kif ukoll mill-basiment Alan Kurdi tal-għaqda mhux governattiva Sea-Eye. L-immigranti ġew salvati fl-10 ta’ Settembru li għadda. Dan il-grupp ukoll kien tħalla għal diversi jiem bejn sema u ilma sakemm Malta aċċettat li tkun parti minn ftehim sabiex tinstab soluzzjoni Ewropea fejn se jitniżżlu dawn l-immigranti.

L-immigranti kollha ġew assistiti mill-Awtoritajiet Maltin, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni u mill-uffiċjali tal-ambaxxati rispettivi.