Iħalltu l-velenu mal-ikel biex joqtlu l-qtates u l-klieb tat-triq

Qed jinġabru l-firem f’petizzjoni biex il-velenu għal kontra l-bebbux jew il-bugħarwien jinbiegħ biss jekk dak li jkun jippreżenta l-karta tal-identità.
Din il-petizzjoni waslet fi żmien meta ħafna persuni jinsabu rrabjati u mħassba għaliex f’bosta lokalitajiet qed jiżdiedu l-każi fejn persuni mhux magħrufa qed iħalltu dan il-velenu ma’ biċċiet tat-tiġieġ, ħobż jew ikel ieħor biex jagħtuh lill-qtates.
Dawn il-persuni bla skrupli qed ipoġġu dan il-velenu fit-triq jew f’boroż apposta taħt il-bankini, bil-konsegwenza li l-qtates jieklu minnu u jmutu avvelenati.
Apparti li hija moħqrija għall-annimali tat-triq, hija wkoll theddida għall-annimali domestiċi fosthom il-klieb.
Fil-midja soċjali, raġel mir-Rabat saħaq li l-kelb tiegħu kiel xi ħaġa minn mal-art li kien fiha dan il-velenu.
Qal li b’miraklu u bl-għajnuna urġenti tal-veterinarju rnexxilu jsalva l-ħajja tal-kelb u kkritika bl-aħrax lil min qed ipoġġi dan il-velenu mal-ikel fit-toroq.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li dwar każi bħal dawn saru wkoll rapporti lill-Pulizija, filwaqt li ġew infurmati wkoll xi Kunsilli Lokali fosthom tar-Rabat u tas-Siġġiewi.
Residenti mis-Siġġiewi, li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, qed jissuġġerixxu li jinħolqu żoni ddiżinjati apposta fejn ikunu jistgħu jitimgħu lill-qtates u l-klieb tat-triq.
Oħrajn qalu li jitimgħu lill-qtates fi ħwejjiġhom jew qrib djarhom u li dejjem inaddfu warajhom.
Oħrajn ikkummentaw “kif hawn daqshekk ħdura” lejn l-annimali.
Huma aktar minn 1,100 dawk li diġa ffirmaw din il-petizzjoni partikolari, li hija ntenzjonata lill-Gvern Malti.
Il-petizzjoni qed titlob li fejn hu possibbli dan il-velenu jitneħħa mis-suq lokali jew li jinbiegħ b’xi forma ta’ identifikazzjoni għaliex mhux jinżammu inventarji mill-ħwienet.
Tista’ tiffirma l-petizzjoni hawnhekk