“Iħallsu massimu ta’ €600 fis-sena aktar f’kontijiet tad-dawl” – PN

Kont tad-dawl

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius spjega li wara studju u anażli li għamel il-partit stess fuq mitt kont li rċieva mingħand familji differenti nstab li familji qed iħallsu bejn €6 u €600 aktar fis-sena.
Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fid-Dar Ċentrali.
Agius spjega li mill-istħarriġ li għamlu, minn mitt familja, madwar 80% qed iħallsu aktar milli suppost.
L-Eks Ċermen ta' Alternattiva Demokratika Michael Briguglio, li kien ukoll preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet spjega li l-Gvern kien ilu jaf b’din is-sitwazzjoni u għaldaqstant dam jistenna s’issa biex jieħu azzjoni.
Sostna li l-azzjoni li qed jieħu issa l-Prim Ministru mhi xejn ħlief tattika politika għax spiċċa daru mal-ħajt.
“Ma taqbiżx 10,000 unit imma tħallas bit 34ċ” – Mark Anthony Sammut
Il-President tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut ippreżenta tlett każijiet differenti ta’ tliet familji differenti.
Spjega kif f’każ minnhom familja ħliet total ta’ 8,400 unit f’sena sħiħa. Jiġifieri kellha teħel 2,000 bit-10ċ47, 4,000 uni bit-12ċ98 u 2,400 unit bis-16ċ07.
Għaldaqstant mill-kalkoli li għamel il-partit, instab li bil-mod kif tqassmu l-kontijiet, f’xahrejn partikolari l-familja kkunsmat 2,300 unit. Sostna li bil-mod kif tqassmu t-tariffi għal dak il-perjodu, il-familja kellha tħallas aktar minn 500 unit bit-34ċ. Madanakollu, kompla jgħid li l-familja qatt ma kellha tasal li tħallas b’dak l-ammont.
Spjega wkoll li fil-kalkoli li għamlu kienu qed ikunu konservattivi u ma kienux qed jikkunsidraw l-ekoriduzzjoni.
“Gvern Laburista joħroġ inqas kontijiet” – Ministeru għall-Enerġija
Il-Ministeru għall-Enerġija sostna li llum il-ġurnata l-Gvern qed joħroġ inqas kontijiet minn kemm kien joħroġ Gvern Nazzjonalista.
Fi stqarrija semma kif filwaqt li fis-sistema li kien juża l-Gvern Nazzjonalista, fl-2012 kienu joħorġu 6.1 kontijiet fis-sena, fl-2017 ħarġu 5.7 kontijiet fis-sena għal kull familja.
Spjega wkoll li bejn l-2012 u l-2017 il-kontijiet roħsu b’25%. Spjega kif fl-2017 in-numru ta’ familji li jirċievu kontijiet li ma jaqbżux il-faxxa l-aktar baxxa tat-tariffi (2000 unit fis-sena) żdied b’4.3% imqabbel mal-2012.
“Il-Gvern ma jiċħadx li qed joħroġ kontijiet tad-dawl u l-ilma ogħla milli suppost” – PN
Fi tweġiba għall-istqarrija tal-Ministeru, il-Partit Nazzjonalista sostna li l- Gvern qed jammetti li qed iħaddem b'mod hażin u inġust is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet għad-detriment tal-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Fi stqarrija l-PN insista li l-Gvern wera li mhux f'pożizzjoni li jiċħad li ħafna konsumaturi u familji qed jinsterqu kuljum.