Iħallas €500 iżjed milli kien miftiehem f’ħanut fil-Belt

Read in English.

Konsumatur li xtara prodott kontra l-ponot ta’ €250 spiċċa jħallas €750, hekk kif qarraq bih il-bejjiegħ.

Fi stqarrija mingħand id-direttur ġenerali tal-affarijiet tal-konsumatur, ġie spjegat li l-konsumatur ġie mwaqqaf fit-triq minn bejjiegħ tal-ħanut Beauty Bar Venofye fil-Belt Valletta, ta’ Miro (Meir) Assouline.

Il-konsumatur aċċetta li jixtri prodott ta’ €250, iżda il-bejjiegħ żied €500 prodott fl-aħħar sekonda. Meta l-konsumatur talab biex jirritorna dawn l-affarijiet li mingħalih kienu b’xejn, u talab il-flus lura, tal-ħanut aċċetta l-proposta iżda ma tahx il-flus. Il-konsumatur mar għand it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur, li sostna mal-ħanut biex jirritorna l-flus, iżda dan ma seħħx.

It-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur irrimarka li huwa fatt li l-konsumatur kien lest li jixtri prodott li jiswa €250, u li l-bejjiegħ beda jsemmi prodotti oħra fl-aħħar sekonda, u jżidhom mal-kont.  It-Tribunal b’hekk ħass li kollox kellu jkun ċar mill-bidu nett u x-xerrej kellu jkun jaf eżattament x’qed jixtri u kemm qed iħallas.

It-Tribunal iddeċieda li t-tieni parti tat-transazzjoni għandha titħassar u ordna lill-ħanut u lil Assouline jħallas is-somma ta’ €500 lill-konsumatur. Fl-istqarrija ġie spjegat li l-ħanut m’onorax id-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur biex jirritorna l-flus.