Iħabirku u jlestu ġimagħtejn qabel

Il-Membri Parlamentari lbieraħ rtiraw mill-Kamra tar-Rappreżentanti ġimagħtejn qabel iż-żmien skedat.
Meta ħabbar il-membri l-ġodda tal-kabinett, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien indika li l-Parlament se jibqa’ jiltaqa’ sal-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu.
Madanakollu jidher li x-xogħol ippjanat tlesta qabel u għaldaqstant l-MPs setgħu jibdew il-vaganzi tas-sajf aktar kmieni.
Il-Parlament jerġa’ jiftaħ f’temp ta’ għaxar ġimgħat, fit-2 ta’ Ottubru. Dakinhar fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni, se jkun hemm Kap ġdid, li se jieħu post Simon Busuttil.  B’hekk l-aħħar diskors ta’ Simon Busuttil bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien dak ta’ nhar it-Tnejn li għadda.