Iħabbtilha biex isewwilha pajp u jisraqha

Raġel li jaħdem mal-Korporazzjoni tal-Ilma wieġeb mhux ħati li seraq anzjana ta’ 87 sena wara li daħal f’darha billi qarraq biha, meta lagħabha li mar biex isewwilha l-pajpijiet tal-ilma.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel ta’ 35 sena minn Raħal Ġdid seraq ukoll kartiera bi €300 minn dar f’Ħal Qormi wara li kien mistieden għat-te.
Dan wara li l-marki tas-swaba taż-żewġ serqiet qablu. Il-marki qablu wkoll ma’ serqa oħra minn mużew tas-subien f’Ħal Tarxien. F’din is-serqa huwa seraq €51 minn donazzjonjiet li nġabru għall-karità.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba li jista’ jitlef xogħlu jekk jibqa’ arrestat u minħabba li għadu kemm tilef lil ommu.
Il-Maġistrat Joe Mifsud esprima d-dispjaċir tiegħu għall-mewt t’ommu imma saħaq li din mhux skuża biżżejjed biex jabbuża minn anzjana, mill-fiduċja tan-nies li sitdnuh f’darhom u mill-ħidma tal-membri tal-mużew.
Il-Qorti nnotat li l-akkużat huwa riċediv u żammitu arrestat.