Iħabbat rasu maċ-ċella u jispiċċa l-isptar

Raġel li kien qed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija b'konnesjoni mal-inċident li seħħ ilbieraħ f'Paceville prova jweġġa' lilu nnifsu.
Ir-raġel ta’ nazzjonalita’ Libjana beda jargumenta mal-Pulizija li kienu għassa u ta’ daqqa ta’ ras mal-kanċell taċ-ċella. Meta kienet qed tissejjaħ l-assistenza huwa prova jikkawża aktar ġrieħi fuqu nnifsu billi dawwar qalziet tat-track suit ma’ għonqu.
Kien l-intervent f’waqtu tal-Pulizija li waqqaf lill-Libjan milli jkompli jweġġa’ lilu nnifsu.
Il-Libjan ittieħed immedjatament l-isptar Mater Dei għall-kura.
L-allegat aggressjoni seħħet nhar il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tal-11pm, meta l-Libjan ipprova jisraq il-basktijiet ta’ żewġ tfajliet li kienu mexjin fi Triq il-Qasam f’San Ġiljan.
Waħda minn dawn it-tfajliet kienet il-kantanta, li fuq Facebook kitbet dak li għaddiet minnu.
Sadanittant, sorsi infurmati sewwa qalu lil Newsbook.com.mt li r-raġel ittieħed l-Isptar Monte Karmeli wara li ġie arrestat il-Ħadd.
Madankollu, ilbieraħ filgħaxija hu u Malti ħarbu mill-isptar għall-ħabta tal-10pm, iżda nqabdu xi siegħa wara minn membri tar-Rapid Intervention Unit (RIU). Qalulna li ż-żewġt irġiel instabu qrib ir-rawndebawt fi Triq l-Imdina, li tagħti għal Ħ’Attard.