Iħabbar meta se jinfetħu t-toroq fir-rotta Marsa – Santa Venera

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg dalgħodu ħabbar meta se jinfetħu t-toroq li qed isir xogħol fuqhom fir-rotta ta’ bejn il-Marsa u Santa Venera.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Borg qal li t-tliet proġetti, li jinkludu t-tieni fażi tal-Marsa Junction Project fl-intersection taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, it-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun bypass u l-bini mill-ġdid ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u l-parti ta’ fuq ta’ Triq Aldo Moro, qed jitlestew dan ix-xahar u jinfetħu fil-bidu ta’ Ottubru. Wiegħed li l-maġġoranza tal-korsiji ġodda u l-ħoloq imtejba se jinfetħu mill-ġimgħa d-dieħla.

Ian Borg qal ukoll li l-maġġoranza tax-xogħlijiet saru dan is-sajf wara li Infrastructure Malta żiedet ir-riżorsi għall-proġetti biex jitlestew qabel iż-żmien stipulat u jinfetħu kemm jista’ jkun korsiji ġodda jew mibnija mill-ġdid qabel il-bidu tas-sena skolastika.  

X’kien jinkludi x-xogħol b’investiment ta’ €14.2 miljun?

  • Żvilupp ta’ aktar minn 38 kilometru ta’ cables u ta’ pajpijiet għas-servizzi tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni taħt l-art
  • 8 kilometri oħra ta’ pipes u ta’ culverts taħt l-art għall-ilma tax-xita
  • 8 kilometri ta’ bankini ġodda
  • Aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda għat-trażżin tal-vetturi (crash barriers)
  • 350 arblu tad-dawl matul it-2.5 kilometri tal-kuritur tat-toroq tal-proġetti.
  • Korsija għaċ-ċiklisti ta’ 400 metru ġiet introdotta fi Triq Aldo Moro