Iġorr tifla b’kundizzjoni f’daharha biex ma titlifx passiġġata fil-kampanja

Ritratt: Facebook/Team Ryan

L-istorja ta’ għalliem f’Kentucky fl-Istati Uniti qed iddur id-dinja wara li mar barra minn dmiru biex jagħmel mezz biex tifla ta’ 10 snin li għandha kundizzjoni f’daharha magħrufa bħala spina bifida ma titlifx opportunità biex flimkien ma’ sħabha tal-klassi tkun tista’ tgawdi minn ħarġa fl-għelieqi u l-kampanja fl-Ohio State Park.

Ryan Neighbor ilha fuq is-siġġu tar-roti tul ħajjitha kollha u kienet tinsab imdejqa li kien se jkollha titlef din il-ħarġa mal-kumplament ta’ sħabha tal-klassi.

Din mhux l-ewwel darba li t-tifla ta’ 10 snin kellha titlef xi ħarġa tal-klassi u biex tipprova ttaffi ftit mid-diżappunt, ommha Shelly bdiet tippjana ħarġa alternattiva għal bintha.

Iżda meta sema’ bid-diżappunt tat-tifla, l-għalliem Jim Freeman ikkuntattja minn jeddu l-familja u offra li lil Ryan jeħodha fuq din il-ħarġa, b’differenza li kien se jġorrha fuq dahru.

Biex seta’ jagħmel dan l-għalliem uża backpack speċjalizzat sabiex ikun jista’ jġorr lit-tifla fuq dahru.

L-omm tant kienet kuntenta b’dan il-ġest li fuq il-paġna ta’ Facebook dedikata lil bintha, bl-isem ta’ Team Ryan, qasmet mal-pubbliku dawn il-mumenti sbieħ.

L-istorja tant ħalliet impatt qawwi li ħafna siti rrappurtawha.

“Id-dinja kollha għandha tkun taf b’dan il-ġest sabiex tara u tispira ruħha,” saħqet omm Ryan.