Igor Nedeljkovic rebaħ il-BOV GFA Plejer tax-Xahar

L-attakkant ta’ 28 sena mis-Serbja ngħaqad ma’ Għajnsielem FC fil-bidu tal-istaġun wara li għamel snin jilgħab fil-Bożnija-Ħerzegovina, fl-Albanija, fil-Maċedonja u ank f’Hong Kong.

Għajnsielem żiedu lil Nedeljkovic mat-tim bil-għan li jżidu l-kompetittività u l-konsistenza tagħhom. Il-kontribut tiegħu bħala attakkant ċentrali huwa akkumpanjat mill-effettività tiegħu mal-linji tal-ġnub ukoll.

Għajnsielem rebħu lir-rebbieħa renjanti fil-logħba tagħhom fil-Kampjonat BOV GFA fix-xahar ta’ Diċembru b’rebħa ta’ 3-0. Għajnsielem fetħu l-iskor wara azzjoni maħsuba tajjeb li ntemmet bi cross ta’ Michael Bezzina min-naħa tax-xellug, biex b’daqqa ta’ ras minn Naim Ibrahim Belhadj il-ballun spiċċa fil-kaxxa u Igor Nedeljkovic tefa’ fix-xibka b’xutt b’saħħtu.

Nedeljkovic skorja għat-tieni darba għal Għajnsielem fil-11-il minuta tat-tieni taqsima meta rċieva ballun sabiħ fuq in-naħa tax-xellug fin-naħa ta’ Victoria u ssorprenda kemm lid-difensuri kif ukoll lill-gowler ta’ Victoria b’xutt eċċellenti fir-rokna ta’ fuq tal-lasta ta’ wara.

Nedeljkovic irċieva t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Diċembru 2019 mingħand Horace Laudi, Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta matul waħda mis-sessjonijiet tat-taħriġ tat-tim tiegħu. Il-plejer għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.