Aġġornata: Jirreaġixxu minn kullimkien għad-deċiżjoni ta’ Trump dwar l-Iran

Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-Istati Uniti se tirtira mill-ftehim dwar l-armamenti nukleari mal-Iran.
Huwa sejjaħ dan il-ftehim bħala wieħed “ħażin” u li “jġiegħlu jistħi bħala ċittadin”. 
Trump mar kontra l-parir tal-alleati Ewropej u qal li se jdaħħal mill-ġdid sanzjonijiet ekonomiċi fil-konfront tal-Iran, li kienu tneħħew wara l-ftehim li ġie ffirmat fl-2015. Iddeskriva dan il-ftehim bħala wieħed li qatt ma kellu jsir għax qatt mhu se jikseb il-paċi. 
B’risposta għall-kummenti ta’ Trump, l-Iran qal li se jhejji biex jibda mill-ġdid il-programm ta’ rfinar tal-uranju li huwa bżonnjuż għall-armi nukleari. 
Il-President Iranjan Hassan Rouhani semma kif l-Istati Uniti mhux qed tirrispetta l-wiegħdiet tagħha stess, u sostna li se jistenna ftit ġimgħat qabel ma jitkellem mal-alleati l-oħra li kienu ffirmaw dan il-ftehim. Qal li jekk l-għanijiet jintlaħqu mal-pajjiżi l-oħra, allura l-ftehim jibqa’ fis-seħħ.
Sadanittant, ma jistax jonqos ir-reazzjonijiet minn kullimkien.
Ewlenija fosthom kienet, ovvjament, tal-eks-President Barack Obama, il-bniedem li stinka biex dan il-ftehim jitwieled.
Obama qal li ma jistax jifhem kif min-naħa l-Istati Uniti qed tipprova tirranġa l-affarijiet mal-Korea ta’ Fuq minħabba l-programmi nukleari tagħha, u qed jirnexxilha, u minn oħra qed iġġib ruħha b’dal-mod mal-Iran, għall-istess raġunijiet.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Gutierres, talab lill-firmatarji l-oħra biex aktar minn qatt qabel iżommu bis-sħiħ mal-ftehim mal-Iran, filwaqt li qal li jħossu mħasseb sewwa dwar id-deċiżjoni ta’ Trump.
Mill-banda l-oħra, għandek Iżrael u l-Arabja Sawdija li qablu ma’ Trump, u qalu li jissapportjawh.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, iddeskriva l-ftehim bħala wieħed diżastruż, u l-Arabja Sawdija, ir-rivali ewlenija tal-Iran fir-reġjun, laqa’ l-ħruġ tal-Istati Uniti.
Min-naħa tagħha, ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin, Federica Mogherini, ippruvat tnaqqas xi ftit mit-tensjoni, meta qalet li l-ftehim mal-Iran hu wieħed bilaterali, jiġifieri ebda pajjiż wieħed m’għandu s-setgħa li jitterminah waħdu.
Franza, ir-Renju Unit u l-Ġermanja ma kienx jonqos li joħorġu stqarrija konġunta. Fiha enfasizzaw li l-Iran kien qed iżomm kelmtu u jobdi l-ftehim, bil-maqlub ta’ kif allega Trump.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, Sergei Lavrov, qal li b’dal-pass l-Istati Uniti kisret sfaċċatament il-liġi internazzjonali, u sostna li dan juri kemm minn Washington mhumiex kapaċi jinnegozjaw.
Il-PES jinnota b’dispjaċir il-pożizzjoni ta’ Trump
Intant il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej l-PES qal li jinnota b’dispjaċir id-deċiżjoni li ħa l-President Donald Trump.
Il-president tal-PES Sergei Stanishev qal li huwa ta’ tħassib kif l-istabiltà dinjija tinsab f’idejn persuna li spiss ibiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar ftehim internazzjonali li jkun wasal wara ħafna sforzi u ħidma intensiva.