Iġiegħel lis-sieħba tiegħu tixhed favurih

Xufier ta’ karozza tal-linja intbagħat 10 xhur ħabs wara li nstab li ġiegħel lis-sieħba tiegħu tixhed favurih fil-każ dwar inċident tat-traffiku li fih mara kienet weġġgħet gravi tant li kienet fil-periklu tal-mewt.
Il-każ seħħ disa’ snin ilu.
Massimo Bonello, li għandu 43 sena, kien inħeles mill-akkużi kollha li nġabu fil-konfront tiegħu ħlief għal fatt li kien qed isuq il-karozza tal-linja mingħajr liċenzja.
Aktar tard sar magħruf li s-sieħba tiegħu, li xehdet favurih fil-każ, lanqas biss kienet preżenti meta seħħ l-inċident.
Kien ir-raġel tal-vittma li ressaq ilment quddiem il-Qorti, bis-sieħba ta’ Bonello tingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Bonello kien akkużat ukoll li xekkel il-ħidma tal-Qorti, li xehed falz u li ġiegħel persuna oħra tixhed falz.
Is-sieħba tiegħu qalet fil-Qorti li dakinhar li kellha tixhed, ħarsa tas-sieħeb tagħha kienet biżżejjed biex tixhed favurih għax kienet tibża’ minnu.
Jidher li l-akkużat kien jheddida li jwaqqfilha l-kustodja tat-tifel tagħhom.
Bonello ċaħad dak li qalet hi u saħaq li kienet hi li riedet tixhed favurih.
Il-Maġistrat qalet li kollox jindika li Bonello kien qed jigdeb u apparti l-ħabs ordnatlu jħallas multa  ta’ €150.