Iġib ruħu b’mod li jimmina l-ġustizzja – PL

Il-Partit Laburista qal li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi mhux iġib ruħu bħalma tistenna minn xi ħadd li jirrispetta s-saltna tad-dritt, u qed jimmina l-ġustizzja.
Din id-dikjarazzjoni l-PL għamilha wara dak li ġara fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda, meta Azzopardi allega li s-Surġent Aldo Cassar (PS88) informa lit-tliet persuni akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienu se jiġu arrestati.
Min-naħa tagħha l-Pulizija ċaħdet kategorikament dak li allega Azzopardi, li mbagħad meta kien mistoqsi mill-midja lokali biex jerġa’ jirrepeti li qal barra mill-Parlament, ma riedx jagħmel hekk.
Il-PL ikkundanna l-fatt li Azzopardi ddefenda dak li qal, għax kellu l-privileġġ parlamentari.
“Jason Azzopardi, bħala avukat u deputat tal-Oppożizzjoni għandu jifhem ir-responsabbiltajiet tiegħu lejn is-saltna tad-dritt. Peró minflok jagħmel hekk qed iġib ruħu b’mod li jista’ jimmina l-ġustizzja f’każ fejn hemm tliet persuni l-Qorti. Min jirrispetta r-rule of law u jrid li ssir ġustizzja ma jġibx ruħu kif qed iġib ruħu Jason Azzopardi”, qal il-partit.
Temm jgħid li bl-aġir tiegħu Azzopardi u oħrajn qed juru li hawn min irid li l-ġustizzja ma ssirx biex ikun jista’ jkompli jitma’ n-narattiva politika tiegħu li f’Malta m’hawnx saltna tad-dritt.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, ukoll kien qal li Azzopardi qed jilgħab logħba.